Kurjuż dwar l-ikel? Interessat fil-kwalità nutrizzjonali ta’ dak li tiekol?
Open Food Facts hija bażi tad-data multilingwi ta’ prodotti tal-ikel bl-ingredjenti, l-allerġeni, il-fatti nutrizzjonali u l-irqaqat l-oħra kollha tal-informazzjoni li ssib fuq it-tikketta.
Hi tikkwalifika wkoll il-kwalità nutrizzjonali ta’ kull prodott, u tqabbilha mal-valuri medji ta’ ikel fl-istess kategorija, biex tgħinek tagħmel għażliet aħjar dwar l-ikel. Sempliċiment fittex il-prodott li jinteressak u jkollok din l-informazzjoni kollha faċilment.
Tista’ wkoll tesplora, tiskopri u tqabbel il-prodotti skont aspetti bħad-ditta, il-kategorija, it-tikketta, l-oriġini tal-ingredjenti, eċċ. Tixtieq taf liema ċereali għall-kolazzjon għandhom l-inqas xaħam u l-inqas zokkor? Bi 3 klikks tista’ toħloq graff interattiva li turi dan. Għalhekk tista’ ssib ċereali aktar tajbin għas-saħħa, u billi tqabbel il-prodotti minn ditti differenti, inti tista’ wkoll tħeġġeġ lill-produtturi biex jagħmluhom aħjar.
Open Food Facts tiġbor informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel minn madwar id-dinja, li tgħaqqad data uffiċjali ma’ input miġbur min-nies. Il-bażi tad-data sħiħa hija ppubblikata bħala data miftuħa u tista’ terġa’ tintuża minn kulħadd u għal kwalunkwe użu.
L-app, rebbieħa tal-isfida tal-EU Datathon tal-2018 “L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel – It-trawwim tal-użu mill-ġdid tad-data u l-innovazzjoni”, hija disponibbli mingħajr ħlas bħala sit web jew app mobbli (għat-telefowns Android, iPhone u Windows).
Ippruvaha – u jekk trid tista’ tikkontribwixxi bi kwalunkwe informazzjoni li taħseb li tista’ tkun utli. Wara kollox, jekk l-għarfien jagħtina s-setgħa, l-għarfien dwar l-ikel huwa s-setgħa biex nieklu aħjar!