Liema Ewropej jixorbu l-aktar ilma? Min jiekol l-aktar frott — iż-żgħażagħ, jew in-nanniet tagħhom? F’liema pajjiż tal-UE hemm l-aktar nies li jikkunsmaw ikel tajjeb għas-saħħa? Issib dawn it-tweġibiet kollha, u aktar, fl-app Food Pyramid.
L-app tħares lejn 6 kategoriji (skont il-Piramida tal-Ikel Belġjana — bl-Olandiż) ta’ ikel u xorb biex tara kemm huma popolari fost 9 gruppi ta’ popolazzjoni differenti f’kull pajjiż — u b’hekk tiżvela xi fatti interessanti dwar id-drawwiet tal-ikel (u tax-xorb) tagħna fl-UE.
Bis-saħħa ta’ Food Pyramid nistgħu naraw kemm huwa tajjeb jew ħażin l-ikel u x-xorb favorit tagħna għal saħħitna. Żgur li din l-app se jkun fiha x’tomgħod!
Food Pyramid ġiet magħżula għad-Datathon tal-UE tal-2017. Hi disponibbli bl-Ingliż.